Protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem lil hinn mill-UE 

Il-Parlament Ewropew huwa difensur vokali u kostanti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

Nelson Mandela, rebbieħ tal-Premju Sakharov, jiltaqa' mal-President tal-PE Simone Veil fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. 

Il-Parlament Ewropew, bħall-UE kollha, appella biex il-pajjiżi kollha jimplimentaw id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Parlament jipprova jiżgura wkoll li l-attivitajiet internazzjonali kollha tal-UE – inkluż kemm il-kummerċ kif ukoll l-għajnuna – jkunu konformi mal-prinċipji tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem .

Għal bosta snin, il-piena tal-mewt u t-tortura kienu kwistjonijiet ċentrali. Aktar reċenti, it-traffikar, id-drittijiet diġitali u suġġetti oħra daħlu fil-lista tat-tħassib tal-Parlament.

Ħafna ilħna

Il-President tal-Parlament Ewropew jitkellem dwar l-abbużi f'dikjarazzjonijiet pubbliċi u laqgħat.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jaċċentwaw il-vjolazzjonijiet u jgħinu sabiex jorjentaw id-dibattitu għal MEPs oħra.

L-MEPs kollha, min-naħa tagħhom, jissieħbu fl-isforz nhar ta' Ħamis wara nofsinhar waqt is-sessjonijiet tal-Parlament fi Strasburgu. Dak il-perjodu huwa ddedikat għad-dibattiti u "riżoluzzjonijiet ta' urġenza" dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

Dawn l-isforzi wasslu għal riżultati.

Xi gvernijiet reġgħu kkunsidraw l-azzjonijiet tagħhom, li jinkludu l-istabbiliment tal-piena tal-mewt. Xi parlamenti nazzjonali bidlu jew waqqgħu l-liġijiet kkritikati fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament.

Il-Premju Sakharov

Kull sena l-Parlament jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil individwi jew organizzazzjonijiet li jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali.

Fuq tletin sena, il-premju ġibed l-attenzjoni dwar taqbid fil-ħames kontinenti.

F'xi każijiet, il-premju rrikonoxxa lil dawk li sofrew minħabba li għażlu li jissieltu għal-libertà f'pajjiżhom.

Dan kien il-każ għar-rebbieħ tal-2015, Raif Badawi, blogger li ġie arrestat fl-Arabja Sawdija talli ddefenda l-libertà ta' espressjoni.

Dan kien ukoll il-każ għall-premju tal-2017 li ngħata lill-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inklużi l-mijiet ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż.

Fis-snin l-oħra, il-premju rrikonoxxa nies li l-ħidma tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem kienet ir-riżultat ta' esperjenzi personali u xi drabi ta' sofferenza.

Ir-rebbieħ tal-2014, Denis Mukwege, tabib fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qal li "nzerta" l-problemi tan-nisa li ġew stuprati u vvjolentati fil-gwerra. Huwa ddedika ħajtu għat-trattament ta' aktar minn 40 000 vittma fl-isptar ta' beltu, filwaqt li ffoka wkoll l-attenzjoni internazzjonali fuq din il-kwistjoni.

Mukwege u r-rebbieħa kollha jibqgħu konnessi permezz tan-Netwerk tal-Premju Sakharov, li jżommhom ukoll f'kuntatt mal-MEPs u mas-soċjetà ċivili sabiex tiżdied il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.