L-elezzjonijiet Ewropej: iċ-ċans li ssemma' leħnek 

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024 jagħtuk iċ-ċans li tuża l-vot tiegħek u tgħin biex tiddeċiedi dwar id-direzzjoni li se tieħu l-Ewropa.

Meta tivvota fl-elezzjonijiet tal-UE, int tkun qed teżerċita d-dritt demokratiku tiegħek li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa, iżda tagħti wkoll lill-Parlament il-leġittimità li jeħtieġ biex iwettaq dmirijietu.

Agħti daqqa ta’ għajn lis-sit web tal-elezzjonijiet Ewropej biex tikseb aktar informazzjoni dwar kif jaħdmu l-elezzjonijiet u rreġistra biex tirċievi tfakkiriet għall-votazzjoni.

Għaliex l-elezzjonijiet Ewropej huma importanti

Fl-elezzjonijiet Ewropej tagħżel lil min tixtieq jiddefendi l-interessi tiegħek fl-UE. Il-Membri tal-Parlament Ewropew mhux biss isawru u jiddeċiedu dwar leġiżlazzjoni ġdida, imma jivvutaw ukoll dwar ftehimiet kummerċjali ġodda, jiskrutinizzaw l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jaraw li flus l-Unjoni jintefqu kif suppost, u anke jvaraw investigazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi. Skopri aktar dwar il-Membri li qed jirrappreżentaw lil pajjiżek bħalissa.

L-elezzjonijiet isiru kull ħames snin u huma l-akbar elezzjonijiet transnazzjonali fid-dinja. Wara l-elezzjonijiet, il-Parlament jivvota biex jeleġġi l-kap il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea – li hija l-korp eżekuttiv tal-UE – u japprova t-tim kollu tal-kummissarji.

L-aħħar elezzjonijiet, li saru f'Mejju 2019, raw żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tal-votanti, li żdiedet għal medja ta' aktar minn 50% fost l-Ewropa kollha. Il-Parlament għamel kampanja ta' informazzjoni imparzjali li fiha ħeġġeġ lin-nies jivvutaw. Il-kampanja wasslet għall-varar tal-komunità flimkien.eu, li għandha l-għan li tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva fid-demokrazija fl-Ewropa.

Il-komunità flimkien.eu issa hija impenjata li tispira kemm jista’ jkun ċittadini biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Irreġistra hawn biex tingħaqad mal-komunità!

Kif taħdem il-votazzjoni

Għalkemm hemm xi regoli komuni rigward l-elezzjonijiet, xi aspetti jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż, pereżempju jekk dak li jkun jistax jivvota bil-posta jew minn pajjiż ieħor.

Il-ġranet tal-elezzjoni jistgħu jkunu differenti wkoll. Normalment l-elezzjonijiet jibdew il-Ħamis (il-ġurnata meta ġeneralment jivvutaw in-Netherlands) u jintemmu l-Ħadd (meta jivvutaw il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi).

L-għadd ta’ membri eletti f’kull pajjiż jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni, fejn pajjiżi iżgħar ikollhom aktar siġġijiet milli timplika proporzjonalità stretta. Bħalissa, l-għadd ta’ membri jvarja minn sitta għal Malta, il-Lussemburgu u Ċipru għal 96 għall-Ġermanja.

L-elezzjonijiet jiġu kkontestati mill-partiti politiċi nazzjonali iżda ladarba l-Membri tal-PE jiġu eletti, il-biċċa l-kbira jagħżlu li jsiru parti minn gruppi politiċi transnazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-partiti nazzjonali huma affiljati ma’ partit politiku madwar l-Ewropa kollha.

Tgħallem aktar dwar ir-regoli tal-elezzjoni f’kull pajjiż tal-UE.