Aċċess pubbliku għad-dokumenti 

L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li ċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea għandhom dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.

Aċċess pubbliku għad-dokumenti: element ewlieni tat-trasparenza

Id-dritt għal aċċess għad-dokumenti huwa komponent essenzjali tal-politika ta' trasparenza li qed tiġi implimentata mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Parlament Ewropew jistinka biex jiżgura livell għoli ta' viżibbiltà għall-ħidma tiegħu. Dan l-isforz huwa aktar u aktar importanti minħabba li l-istituzzjoni tirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE, li jelleġġuha direttament.

Ir-regoli dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Ir-reġistru tad-dokumenti

Il-Parlament Ewropew ħoloq reġistru elettroniku tad-dokumenti sabiex jiffaċilita l-aċċess tiegħek għad-dokumenti.

Intiż bħala għajnuna għat-tiftix, ir-reġistru elettroniku fih referenzi għad-dokumenti abbozzati jew riċevuti mill-Parlament Ewropew mill-2001.

Ir-reġistru jipprovdilek aċċess dirett għal ammont kbir ta' dokumenti tal-Parlament Ewropew f'format elettroniku.

Dokumenti aċċessibbli fuq talba

Id-dokumenti li ma jistgħux jiġu kkonsultati direttament fuq ir-reġistru, jistgħu jiġu fornuti fuq talba.

Dan huwa l-każ għal dokumenti li jmorru lura għal qabel l-2001 u dokumenti li għalihom tista' potenzjalment tapplika eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess, kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

L-aċċess għalihom huwa mingħajr ħlas. It-talba, imressqa permezz ta' formola elettronika, ma teħtieġ ebda ġustifikazzjoni speċjali.

Wara li jikkunsidra t-talba tiegħek, il-Parlament Ewropew se jibgħat tweġiba raġunata fi żmien 15-il jum ta' xogħol. Fejn jingħata aċċess, id-dokument jiġi ppubblikat fuq ir-reġistru.